Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni jimpjega fornituri tal-lingwi esterni b’mod esklussiv permezz ta’ proċeduri ta’ akkwist formali, li jiġu ppubblikati fuq il-pjattaforma tal-akkwist elettroniku TED u fuq is-sit web taċ-Ċentru. Madankollu, fuq bażi eċċezzjonali ħafna (speċjalment, iżda mhux limitata għal, dominji mhux tas-soltu u/jew kombinazzjonijiet lingwistiċi) aħna nassenjaw servizzi lingwistiċi differenti bi proċedura negozjata (kuntratti speċifiċi), sakemm il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfati:
1. Tkun ibbażat fi Stat Membru tal-UE, jew
2. Inti ċittadin tal-UE li tgħix fi Stat li mhuwiex Membru tal-UE u taħdem bħala ħaddiem freelance (aġenziji li mhumiex ibbażati fl-UE ma jaqgħux f’din il-kategorija).
Jekk tissodisfa l-kriterji msemmija hawn fuq u toffri servizzi ta’ traduzzjoni, editjar (reviżjoni monolingwi ta’ test miktub minn kelliem li mhux nattiv), posteditjar (posteditjar approfondit u ħafif), sottotitoli jew traskrizzjoni minn u għal lingwi tal-UE, u tixtieq taħdem magħna fuq bażi eċċezzjonali permezz ta’ proċeduri negozjati (kuntratti speċifiċi):
1. Jekk jogħġbok imla dan id-dokument, billi tkun preċiż kemm jista’ jkun.
2. Ibgħat dan id-dokument b’email flimkien mas-CV tiegħek lill-indirizz elettroniku li ġej: freelance-database@cdt.europa.eu
Lingwi mhux tal-UE
Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni qed ifittex ukoll fornituri tal-lingwi li jistgħu jaħdmu f’pari ta’ lingwi mil-lingwi tal-UE għal lingwi mhux tal-UE (inklużi lingwi reġjonali u minoritarji) jew minn lingwi mhux tal-UE għal lingwi mhux tal-UE (eż. miċ-Ċiniż għall-Ġappuniż). Għal kombinazzjonijiet lingwistiċi bħal dawn (lingwi tal-UE għal lingwi mhux tal-UE u lingwi mhux tal-UE għal lingwi mhux tal-UE), aħna nħeġġu liċ-ċittadini tal-UE u lill-fornituri ta’ sevizzi lingwistiċi biex ukoll jagħmlu kuntatt magħna billi jsegwu l-proċedura msemmija hawn fuq (il-punti 1 u 2).
Dikjarazzjoni ta’ rċevuta
Ladarba tkun bgħatt l-applikazzjoni spontajna tiegħek, aħna nibagħtulek dikjarazzjoni ta’ rċevuta. Jekk l-analiżi tas-CV u tad-dokumenti tiegħek tkun pożittiva, aħna nikkuntattjawk biex nitolbuk id-dokumenti addizzjonali meħtieġa.
Jekk jogħġbok innota wkoll li r-reġistrazzjoni fil-bażi tad-data taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-proċeduri negozjati ma tinvolvi l-ebda obbligu min-naħa taċ-Ċentru li jassenja kompiti lil kumpaniji jew individwi reġistrati fil-bażi tad-data, u għalhekk iċ-Ċentru jisħaq fuq il-fatt li din ir-reġistrazzjoni ma tiggarantix l-assenjazzjoni ta’ kompiti.
Protezzjoni tad-data
Id-data personali sottomessa fis-CV tiegħek u l-formola ta’ applikazzjoni kompluta se jiġu pproċessati f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data.
Iċ-Ċentru se jipproċessa din id-data biss biex janalizza l-applikazzjoni tiegħek sabiex jirreġistra l-fornituri tas-servizzi tal-lingwi fil-bażi tad-data. Il-formoli jinżammu għal perjodu massimu ta’ 12-il xahar wara li jaslu u jinqerdu/jitħassru wara dik id-data.
Għal dettalji dwar l-ipproċessar tad-data personali tiegħek, jekk jogħġbok ikkuntattja liċ-Ċentru (freelance-database@cdt.europa.eu) jew lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data taċ-Ċentru (data-protection@cdt.europa.eu).