Id-Dipartiment tat-Traduzzjoni huwa l-akbar dipartiment taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni, li jammonta għal aktar min-nofs il-persunal taċ-Ċentru. Huwa magħmul minn tliet gruppi lingwistiċi u mis-Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni u l-Komunikazzjoni.

Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni u l-Komunikazzjoni

Is-Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni u l-Komunikazzjoni tikkoopera mal-klijenti taċ-Ċentru sabiex tidentifika l-bżonnijiet tagħhom u tevalwa s-sodisfazzjon tagħhom. Dan tagħmlu permezz ta’ żjarat regolari għand il-klijenti, stħarriġ perjodiku u l-ġestjoni tar-rispons mingħand il-klijenti.

B’kooperazzjoni mal-klijenti, is-sezzjoni tagħmel arranġamenti għal sessjonijiet ta’ taħriġ, sessjonijiet ta’ ħidma u preżentazzjonijiet għat-tradutturi taċ-Ċentru, sabiex tkabbar l-għarfien tagħhom dwar l-oqsma tal-attivitajiet u l-proċeduri ferm speċjalizzati tal-klijenti. B’mod simili, is-sezzjoni torganizza wkoll preżentazzjonijiet għall-klijenti, sabiex tgħinhom jifhmu aħjar l-irwol u s-servizzi taċ-Ċentru.

Is-sezzjoni hi inkarigata wkoll mill-komunikazzjoni interna u esterna. Ixxerred l-informazzjoni permezz ta’ punti tal-aħbarijiet regolari fuq l-intranet, is-sit web u l-Portal tal-Klijenti taċ-Ċentru. Is-sezzjoni tipprepara u tikkoordina pubblikazzjonijiet speċifiċi, bħar-rapport annwali tal-attivitajiet u r-rapport dwar l-avvenimenti l-aktar importanti tas-sena, u għadd ta’ fuljetti u bullettini. Din is-sezzjoni torganizza wkoll bosta avvenimenti sabiex tippromwovi l-multilingwiżmu.

It-tradutturi (gruppi lingwistiċi)

Kull grupp lingwistiku huwa suddiviż f’timijiet tat-traduzzjoni, wieħed għal kull lingwa uffiċjali tal-UE. Id-daqs ta’ kull tim ivarja skont l-ammont ta’ xogħol ta’ traduzzjoni f’kull lingwa fil-mira. It-tradutturi kollha jittraduċu fil-lingwa materna tagħhom, għandhom tagħrif akkademiku varjat, l-aktar ibbażat fuq il-lingwi.

It-tradutturi jingħataw taħriġ kontinwu professjonali, kemm f’termini ta’ tagħlim tal-lingwi (estensjoni tal-ħiliet lingwistiċi eżistenti u kisba ta’ lingwi ġodda), kif ukoll f’attivitajiet speċifiċi għall-klijent.

It-tradutturi interni jittraduċu u jirrevedu dokumenti kif ukoll trademarks. Huma jagħmlu wkoll is-sottotitoli ta’ vidjows, jikkompilaw glossarji u jikkontribwixxu għall-bażi tat-termini interistituzzjonali tal-IATE.

Bħala lingwisti, it-tradutturi interni jiggarantixxu l-kwalità lingwistika tat-traduzzjonijiet ipprovduti. Dan huwa minnu kemm għat-testi tradotti internament kif ukoll għal testi li jiġu esternalizzati lill-fornituri tas-servizzi lingwistiċi esterni speċjalizzati.

Permezz tal-mudell kummerċjali tiegħu bbażat fuq il-kontroll tal-kwalità esterna u interna, iċ-Ċentru sar punt ta’ referenza għall-aspetti kollha ta’ reviżjoni tat-traduzzjoni.