Id-Dipartiment tal-Finanzi u tal-Faċilitajiet (FIFA) jipprovdi appoġġ amministrattiv u tekniku fl-oqsma tal-baġit, il-finanzi, l-ippjanar strateġiku, il-faċilitajiet u s-sigurtà.

It-Taqsima tal-Finanzi u tal-Ippjanar Strateġiku

It-Taqsima tal-Finanzi u tal-Ippjanar Strateġiku tiżgura li l-ġestjoni finanzjarja, il-prestazzjoni, l-ippjanar u l-operazzjonijiet strateġiċi taċ-Ċentru jiffunzjonaw kif xieraq u li jkunu konformi mar-regoli u r-regolamenti kollha applikabbli. Din tikkoordina l-istabbiliment u s-segwitu tal-baġit taċ-Ċentru u żżomm kuntatt mill-qrib mal-klijenti taċ-Ċentru sabiex tinkorpora l-previżjonijiet baġitarji tagħhom fil-baġit tad-dħul taċ-Ċentru. 

It-Taqsima hija inkarigata mill-verifika tat-tranżazzjonijiet finanzjarji taċ-Ċentru, u tiġġestixxi l-mudelli tal-kost, il-kwalità u l-prestazzjoni taċ-Ċentru. Tħejji u timplimenta wkoll l-Istrateġija Pluriennali u l-Programmi ta’ Ħidma Pluriennali taċ-Ċentru, u tikkoordina t-tħejjija tar-Rapport Annwali tal-Attività. 

L-Uffiċċju tal-Ġestjoni tal-Proġetti (PMO) jifforma wkoll parti mit-Taqsima tal-Finanzi u tal-Ippjanar Strateġiku. Ir-rwol tiegħu huwa li jikkoordina proġetti strateġiċi fi ħdan id-dipartimenti u t-taqsimiet differenti taċ-Ċentru, biex b’hekk jiżgura l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ negozju effettivi b’suċċess u b’mod sostenibbli. Għandu l-għan li jtejjeb u jottimizza s-servizzi kemm għall-klijenti kif ukoll għall-persunal b’konformità mal-għanijiet tal-finanzi u tal-ippjanar strateġiku magħżula taċ-Ċentru.

It-Taqsima tal-Faċilitajiet u tas-Sigurtà

It-Taqsima tal-Faċilitajiet u tas-Sigurtà (FACSEC) tiżgura li l-persunal, id-data, il-binjiet u t-tagħmir taċ-Ċentru jkunu protetti b’mod adegwat kontra kwalunkwe riskju għas-sigurtà u li r-regoli dwar is-saħħa u s-sigurtà jiġu osservati b’mod sħiħ. It-Taqsima tiġġestixxi l-proprjetà mobbli u immobbli, u tgħin u tassisti fil-ħtiġijiet u t-talbiet tal-persunal, bl-għan aħħari li tipprovdi standards ottimali ta’ benesseri u ta’ servizz fil-bini taċ-Ċentru.

It-Taqsima tal-Faċilitajiet u tas-Sigurtà tħejji l-baġit u timmonitorja l-proċeduri baġitarji relatati mal-kuntratti tal-infrastruttura u tas-sigurtà. Din tikkoordina s-sistema ta’ ġestjoni tal-kontinwità tal-operat biex tipprevjeni u timmitiga kontra avveniment rari ta’ tfixkil kbir għall-operazzjonijiet taċ-Ċentru. 

Iċ-Ċentru jirrikonoxxi l-importanza ta’ ġestjoni ambjentali proattiva u prattiki sostenibbli, u t-Taqsima timplimenta u tippromwovi miżuri li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent filwaqt li żżid is-sensibilizzazzjoni tal-persunal dwar kwistjonijiet relatati.