Id-Direttur taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni hija r-rappreżentant legali tal-aġenzija li tirrapporta għand il-Bord tat-Tmexxija taċ-Ċentru. Id-Direttur hija inkarigata mill-ġestjoni u l-amministrazzjoni taċ-Ċentru u għandha r-responsabbiltajiet ewlenin li ġejjin:
- it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma, il-baġit u d-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Bord tat-Tmexxija;
- l-eżekuzzjoni tal-kompiti assenjati liċ-Ċentru;
- l-amministrazzjoni ta’ kuljum;
- il-kwistjonijiet kollha tal-persunal.
Id-Direttur hija assistita mill-persunal taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni li huwa strutturat f'dipartimenti u f'taqsimiet, kif rifless fl-organigramma.
Id-Direttur hija responsabbli direttament għat-Taqsima tal-Kontabbiltà, l-Uffiċjal Lokali tas-Sigurtà tal-Informatika (LISO) u t-Taqsima tar-Relazzjonijiet Esterni u tal-Komunikazzjoni.
It-Taqsima tal-Kontabbiltà
L-Uffiċjal tal-Kontabbiltà huwa nnominat mill-Bord tat-Tmexxija u huwa indipendenti fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu. L-Uffiċjal tal-Kontabbiltà u t-tim tiegħu huma responsabbli għall-ġestjoni tad-dħul, l-infiq u l-kontabbiltà f’konformità mar-regoli u r-regolamenti applikabbli. L-Uffiċjal tal-Kontabbiltà huwa inkarigat mill-ġestjoni ta’ flus u mill-fatturar relatat mal-attivitajiet taċ-Ċentru. Sabiex iwettaq dawn il-kompiti, l-Uffiċjal tal-Kontabbiltà jikkoopera mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea, mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u mal-awdituri esterni.
L-Uffiċjal Lokali tas-Sigurtà tal-Informatika (LISO)
Il-LISO huwa inkarigat biex jiżgura li s-sistemi tal-IT taċ-Ċentru jkunu konformi mal-istandards tas-sigurtà rilevanti.
Uffiċjal responsabbli mill-Ġestjoni tar-Riskju u l-Koordinazzjoni tal-Kontroll Intern (ORMICC)
L-ORMICC huwa responsabbli mill-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ kontroll intern. L-ORMICC jorganizza l-awtovalutazzjoni tal-Qafas ta’ Kontroll Intern taċ-Ċentru u jipprovdi pariri dwar il-ġestjoni tar-riskju, filwaqt li jiżgura li r-riskji jiġu identifikati kontinwament u ġestiti b’mod xieraq.
It-Taqsima tar-Relazzjonijiet Esterni u tal-Komunikazzjoni
It-Taqsima tar-Relazzjonijiet Esterni u tal-Komunikazzjoni tikkoordina mal-klijenti taċ-Ċentru sabiex tidentifika l-ħtiġijiet tagħhom u tkejjel il-livelli ta’ sodisfazzjon tagħhom. Dan isir permezz ta’ żjarat regolari tal-klijenti u stħarriġiet perjodiċi.
F’kooperazzjoni mal-klijenti, it-Taqsima tagħmel arranġamenti għal sessjonijiet ta’ taħriġ, sessjonijiet ta’ ħidma u preżentazzjonijiet għat-tradutturi taċ-Ċentru sabiex tkabbar l-għarfien tagħhom tal-oqsma tal-attivitajiet u l-proċeduri ferm speċjalizzati tal-klijenti. B’mod simili, it-Taqsima torganizza preżentazzjonijiet sabiex il-klijenti jkunu jistgħu jifhmu aktar ir-rwol u s-servizzi taċ-Ċentru.
It-Taqsima hi inkarigata wkoll mill-komunikazzjonijiet interni u esterni. Din ixxerred informazzjoni u aħbarijiet permezz tal-intranet, is-sit web, il-kanali tal-midja soċjali u l-Portal tal-Klijenti taċ-Ċentru. It-Taqsima tħejji u tikkoordina pubblikazzjonijiet fil-mira, bħar-rapport L-Avvenimenti l-Aktar Importanti tas-Sena, u għadd ta’ fuljetti u bulettini. Din torganizza wkoll diversi avvenimenti sabiex tippromwovi l-multilingwiżmu.
Dikjarazzjoni tal-interessi tad-Direttur