Ir-rwol taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni ġie uffiċjalment estiż fl-1995 b’emenda fir-Regolament tal-Istabbiliment taċ-Ċentru sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni interistituzzjonali fil-qasam tat-traduzzjoni:

  • L-ewwel nett, iċ-Ċentru ngħata l-permess li jestendi l-attivitijiet ta’ traduzzjoni tiegħu u dawk relatati ma’ dawk l-istituzzjonijiet u korpi tal-UE li għandhom servizz tat-traduzzjoni tagħhom stess. Din it-tip ta’ kooperazzjoni hija waħda purament volontarja iżda tippermetti liċ-Ċentru biex potenzjalment jassorbi iżjed xogħol mingħand dawk l-istituzzjonijiet.
  • It-tieni nett, iċ-Ċentru kellu jkollu rwol fil-kooperazzjoni interistituzzjonali bil-għan li jirrazzjonalizza l-metodi ta’ ħidma u jikseb ekonomiji globali ta’ skala.

Għaldaqstant, iċ-Ċentru huwa membru sħiħ tal-Kumitat Interistituzzjonali għat-Traduzzjoni u l-Interpretazzjoni (ICTI, Interinstitutional Committee for Translation and Interpretation), li huwa l-forum għall-kooperazzjoni bejn is-servizzi lingwistiċi tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE. Ir-rappreżentanti taċ-Ċentru jiltaqgħu regolarment mal-kollegi mis-servizzi ta’ traduzzjoni tal-istituzzjonijiet l-oħra sabiex jiddiskutu kwistjonijiet ta’ interess komuni (reklutaġġ, skambji tal-persunal, taħriġ, teknoloġija lingwistika, eċċ.) u jieħdu deċiżjonijiet dwar proġetti komuni (li jinkludu għodod interistituzzjonali bħall-bażi ta’ data terminologika tal-IATE, is-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika eTranslation u l-memorja ta’ traduzzjoni Euramis).