Bħal kwalunkwe organizzazzjoni oħra li timxi mingħajr xkiel, iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għandu entità waħda fil-qalba tal-operati li tiffunzjona bħala l-forza tat-tmexxija tiegħu. Dan huwa r-rwol tad-Dipartiment ta’ Sostenn għat-Traduzzjoni.

Dan id-Dipartiment jikkonsisti mis-Sezzjoni tal-Ġestjoni tal-Fluss tax-Xogħol, is-Sezzjoni tal-Iżvilupp tan-Negozju u s-Sostenn għall-Fluss tax-Xogħol u l-Grupp Interistituzzjonali tal-IATE.

Is-Sezzjoni tal-Ġestjoni tal-Fluss tax-Xogħol

Is-Sezzjoni tal-Ġestjoni tal-Fluss tax-Xogħol hija responsabbli mill-ipproċessar ordnat tat-talbiet għas-servizzi lingwistiċi kollha fiċ-Ċentru, mill-wasla tat-talba sal-konsenja tal-prodott finali. Iċ-Ċentru jaħdem fil-biċċa l-kbira b’kuntratti qafas.
Il-membri tas-Sezzjoni huma responsabbli biex:

  • jirċievu, janalizzaw u jivvalidaw it-talbiet, fejn meħtieġ permezz ta’ negozjati mal-klijenti;
  • jassenjaw xogħlijiet ta’ traduzzjoni, reviżjoni, editjar u terminoloġija lil tradutturi interni u dawk freelance;
  • jiżguraw li l-fajls li t-tradutturi jridu jaħdmu fuqhom ikunu jistgħu jiġu editjati u li d-dokumenti huma fformattjati b’mod korrett qabel ma jintbagħtu lill-klijent;
  • jużaw għodod tat-teknoloġija lingwistiċi, biex sa fejn ikun possibbli, jittrattaw fajls li jidħlu;
  • jiżguraw li x-xogħlijiet kollha jaslu lura għand min ikun għamel it-talba sad-data ta’ skadenza miftiehma u fil-format meħtieġ;
  • jikkumpilaw l-informazzjoni użata biex jiġu fatturati s-servizzi pprovduti.

Is-Sezzjoni tipprovdi sostenn lingwistiku u tekniku lit-tradutturi matul il-fluss tax-xogħol tat-traduzzjoni. Barra minn hekk, tipprovdi korsijiet ta’ taħriġ fid-diversi oqsma li tkopri (eż. l-użu tat-teknoloġija).

Is-Sezzjoni tal-Iżvilupp tan-Negozju u s-Sostenn għall-Fluss tax-Xogħol

Is-Sezzjoni tal-Iżvilupp tan-Negozju u s-Sostenn għall-Fluss tax-Xogħol tikkonsisti minn diversi sottokomponenti:

  • Il-kapaċità tal-Iżvilupp tan-Negozju, li l-għan tagħha huwa li tissorvelja x-xejriet u l-innovazzjonijiet relatati man-negozju tas-servizzi lingwistiċi (għodod, metodi ta’ ħidma u servizzi ġodda) u tanalizza kif iċ-Ċentru jista’ jgħin lill-klijenti tiegħu bl-aħjar mod biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ komunikazzjoni tagħhom;
  • It-Tim tal-Ġestjoni tal-Corpus u tat-Terminoloġija, li jforni u jżomm riżorsi u għodod lingwistiċi speċjalizzati fil-qasam tat-terminoloġija, id-dokumentazzjoni tar-referenzi, il-memorji tat-traduzzjoni u t-traduzzjoni awtomatika;
  • It-Tim tat-Trademarks u d-Disinji tal-UE, li jiġġestixxi l-fluss tax-xogħol kollu għat-traduzzjoni ta’ trademarks u disinji tal-UE;

Il-Grupp Interistituzzjonali tal-IATE

Il-Grupp Interistituzzjonali tal-IATE u l-koordinatur tal-EurTerm (il-pjattaforma kollaborattiva interistituzzjonali għat-terminoloġisti) huma ospitati miċ-Ċentru f’isem is-sħab tal-proġett tal-IATE