Image
IATE

Il-proġett tal-IATE (terminoloġija interattiva għall-Ewropa) li tnieda fl-1999 miċ-Ċentru tat-Traduzzjoni kien kisba sinifikanti għall-kooperazzjoni interistituzzjonali. B’madwar 8 miljun terminu li jkopru l-24 lingwa uffiċjali tal-UE, IATE huwa l-akbar bażi tad-data tat-terminoloġija fid-dinja tal-lum. Fl-2020, il-verżjoni pubblika tagħha rċeviet 36.5 miljun mistoqsija u l-verżjoni interna tagħha (aċċessibbli biss għall-persunal tal-UE) irċeviet 21 miljun mistoqsija. 

IATE ilu disponibbli għall-pubbliku mill-2007 u jiġbor flimkien ir-riżorsi terminoloġiċi tas-servizzi tat-traduzzjoni tal-UE kollha. Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni jamministra l-aspetti tekniċi tal-proġett f’isem is-sħab tal-proġett, li huma: is-servizzi tat-traduzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Qorti tal-Awdituri, il-Kumitat Ewropew Ekonomiku u Soċjali/Kumitat tar-Reġjuni, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ċentrali Ewropew. Qabel ma tnieda l-proġett, ħafna minn dawn l-istituzzjonijiet kellhom il-bażi tad-data ta’ termini tagħhom stess, filwaqt li llum il-ġbir terminoloġiku kollu huwa magħqud mal-bażi tad-data terminoloġika unika kondiviża tal-IATE.

L-2018 irrappreżentat pass importanti ieħor għall-IATE bit-tnedija ta’ verżjoni ġdida. L-għodda ġiet iddisinjata mill-ġdid bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda, u offriet interoperabbiltà akbar ma’ għodod ta’ partijiet terzi, flimkien ma’ dehra u preżentazzjoni ġdida u enfasi fuq l-aspetti ta’ aċċessibbiltà u l-adattabilità bejn l-apparat.

Aktar informazzjoni