Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni jemmen bis-sħiħ li l-kwalità sostnuta teħtieġ l-ippjanar u l-organizzazzjoni fil-livell maniġerjali, u għaldaqstant adotta sett ta’ azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati, qabel, matul u wara t-traduzzjoni.

L-azzjonijiet kollha jaqgħu taħt erba’ pilastri:

1.    prerekwiżiti tal-kwalità: azzjonijiet preliminari li jippermettu l-ħolqien tal-kundizzjonijiet it-tajba għal traduzzjoni effettiva u effiċjenti;
2.    kontroll tal-kwalità u evalwazzjoni tal-kwalità: azzjonijiet li jittieħdu matul il-proċess ta’ traduzzjoni innifsu u azzjonijiet ex-post;
3.    impenn lejn il-klijenti: azzjonijiet li jiffokaw fuq il-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-klijenti;
4.    metriċi tal-kwalità: azzjonijiet li jippermettu liċ-Ċentru jieħu kont tal-prestazzjoni tiegħu u jtejjeb l-eżiti tiegħu.

Prerekwiżiti tal-kwalità

L-aspett ewlieni f’dan il-qasam huwa l-għażla rigoruża tat-tradutturi interni. Iċ-Ċentru jirrekluta l-persunal tiegħu abbażi ta’ żewġ Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implimentazzjoni dwar ir-reklutaġġ ta’ aġenti temporanji u persunal b’kuntratt.

Aspett importanti ieħor taħt dan il-pilastru huwa l-kwalità lingwistika tat-testijiet oriġinali li għaliha ċ-Ċentru joffri lill-klijenti tiegħu servizzi ta’ editjar. F’dan ir-rigward, iċ-Ċentru abbozza ktejjeb intitolat Writing for translation / Écrire pour être traduit li huwa parti mill-pakkett ta’ informazzjoni li jingħata lill-klijenti ġodda kollha. Barra minn hekk, iċ-Ċentru implimenta sistema ta’ ġestjoni moderna tal-fluss tax-xogħol, eCdT, li tintegra għodod CAT tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku.

Iċ-Ċentru jiddefinixxi wkoll bir-reqqa l-kriterji ta’ proċeduri tal-akkwist pubbliku għall-għażla ta’ fornituri ta’ servizz estern, sabiex il-kuntratti qafas tat-traduzzjoni jingħataw lill-aqwa kuntratturi esterni.
 

Kontroll tal-kwalità u evalwazzjoni tal-kwalità

Il-lingwisti tagħna jikkontrollaw u jirrevedu sistematikament ix-xogħol li jsir minn kuntratturi esterni. Minbarra li jiżgura l-kwalità tat-testi qabel ma jintbagħtu lill-klijeni, dan il-proċess iżid ukoll b’mod kostanti l-kwalità tax-xogħol freelance matul id-durata tal-kuntratti qafas. Proċedura ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tintuża biex tmexxi lill-kuntratturi esterni ’l fuq jew ’l isfel fil-klassifikazzjoni skont il-kwalità tax-xogħol tagħhom, biex dawk bl-aqwa klassifikazzjonijiet eventwalment jagħmlu progess lejn il-quċċata tal-lista tal-kuntratturi esterni. Għal kull xogħol estern jimtela dokument ta’ valutazzjoni, li mhux biss ikun fih valutazzjoni ġenerali tal-kwalità tat-traduzzjoni iżda wkoll, fejn meħtieġ, informazzjoni dettaljata dwar it-tipi ta’ żbalji misjuba. Ir-reviżuri interni jistgħu wkoll jipprovdu feedback għat-tradutturi esterni u, fejn xieraq, ix-xogħol ikkoreġut jintbagħat lill-fornituri tas-servizz estern għal referenza fil-futur. Fl-ewwel nofs tal-2018, iċ-Ċentru integra l-output tat-traduzzjoni awtomatika fl-istadju ta’ qabel l-ipproċessar bħala suġġerimenti li jistgħu jintużaw matul it-traduzzjoni. Il-kontroll tal-kwalità tal-output tat-traduzzjoni awtomatika jissejjaħ posteditjar.

It-traduzzjonijiet interni kollha ssirilhom kontroverifika minn kollega fl-istess tim tal-lingwa, f’konformità mal-prinċipju ta’ erba’ għajnejn aħjar minn tnejn u l-kriterji definiti fil-Manwal ta’ Assigurazzjoni tal-Kwalità tat-Traduzzjoni.

Minbarra dawn il-kontrolli qabel ma jintbagħat ix-xogħol lill-klijent, fl-2010 ċ-Ċentru introduċa kontrolli tal-kwalità ex-post li jsiru fuq bażi ta’ kampjun aleatorju, fejn traduzzjonijiet interni jiġu evalwati minn esperti esterni.

Impenn lejn il-klijenti

Sabiex jissodisfa waħda mill-ħtiġijiet espressi l-aktar ta’ spiss tal-klijenti tiegħu, iċ-Ċentru stabbilixxa punt ta’ kuntatt operazzjonali uniku responsabbli mill-indirizzar ta’ kwistjonijiet li jitqajmu mill-klijenti jew mit-tradutturi fir-rigward ta’ talbiet ta’ traduzzjoni sottomessi mill-klijenti. It-Taqsima tal-Ġestjoni tal-Fluss tax-Xogħol hija l-punt ta’ kuntatt uniku għat-talbiet kollha tal-klijenti, minn meta jasal ix-xogħol għat-twassil tiegħu, inklużi s-servizzi ta’ wara l-bejgħ.

Iċ-Ċentru juża għadd ta’ għodod biex jivvaluta u jiżgura l-kwalità u s-sodisfazzjoni tal-klijenti, b’mod partikolari t-Talba għal Verżjoni Korretta (CVR - Corrected Version Request). Din tippermetti lill-klijenti li jużaw il-Portal tal-Klijenti taċ-Ċentru biex jitolbu verżjoni kkoreġuta u jipprovdu feedback pożittiv jew negattiv dwar kwalunkwe dokument li jkun twassal, biex b’hekk iċ-Ċentru jkun jista’ jieħu nota tal-preferenzi tal-klijenti u fl-istess ħin jindirizza kwalunkwe kwistjoni rikorrenti. Minbarra t-tweġibiet għall-feedback li jiġi riċevut fuq bażi ta’ każ każ, il-kummenti tal-klijenti jiġu rieżaminati fil-livell operazzjonali biex jiġi vvalutat jekk jistgħux jittieħdu aktar miżuri ta’ kwalità fuq firxa wiesgħa biex ikunu ssodisfati r-rekwiżiti tal-klijenti.

Iċ-Ċentru jwettaq ukoll stħarriġiet perjodiċi tal-klijenti biex ikejjel is-sodisfazzjon tal-utenti fuq perjodu twil u jidentifika oqsma għal titjib f’termini ta’ kwalità lingwistika u l-kwalità tas-servizzi kollha tiegħu. Stħarriġiet bħal dawn huma utli biex jidentifikaw il-perċezzjonijiet tal-klijent dwar il-punti b’saħħithom u dawk dgħajfa taċ-Ċentru u għat-teħid ta’ kont dwar kemm iċ-Ċentru għandu prestazzjoni tajba b’mod ġenerali fir-rigward tal-konformità mal-iskadenzi, il-kwalità, ir-rispons tiegħu għal kwistjonijiet u l-fehim tiegħu tal-ħtiġijiet u l-ambjenti tan-negozju speċifiċi għall-klijenti.

Metriċi tal-kwalità

Il-valutazzjoni tal-kwalità tat-traduzzjoni tinvolvi d-definizzjoni u l-kejl tal-metriċi tal-kwalità biex jiġi ġġenerat it-titjib. L-effettività tal-approċċ tal-kwalità tat-traduzzjoni taċ-Ċentru għaldaqstant tiġi żgurata permezz ta’ implimentazzjoni koordinata u bbilanċjata ta’ dawn il-komponenti kollha. Iċ-Ċentru qiegħed jagħmel użu mid-diversi sorsi ta’ data (rapporti interni, CVRs, stħarriġiet, awditi u żjarat tal-klijenti, kontrolli tal-kwalità ex-post, eċċ) biex jikkontribwixxi għall-proċess tal-kwalità tat-traduzzjoni tiegħu. L-iskop hu li tiġi kkwantifikata l-prestazzjoni attwali tat-traduzzjoni u tal-livelli ta’ servizz fir-rigward tal-objettivi tal-kwalità u r-rekwiżiti tal-klijenti stabbiliti sabiex ikun hemm aktar titjib.

Iċ-Ċentru għandu stabbilit mudell ta’ ġestjoni tal-kwalità biex ikun jista’ jtejjeb b’mod kontinwu l-livell ta’ servizz tiegħu u l-kwalità tat-traduzzjoni. Il-mudell ta’ ġestjoni tal-kwalità huwa bbażat fuq approċċ ta’ proċess li jinvolvi: 

a) l-identifikazzjoni tal-proċessi makro taċ-Ċentru,
b) l-identifikazzjoni tal-proċessi ewlenin ta’ ġestjoni, negozju u sostenn li jikkontribwixxu l-aktar għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija taċ-Ċentru,
c) id-deskrizzjoni tal-proċessi ewlenin skont il-livell ta’ għarfien espert meħtieġ,
d) l-analiżi ta’ riskji reali u/jew potenzjali, u 
e) t-titjib kontinwu tal-proċessi permezz ta’ analiżi dwar kif jaħdmu u r-rieżami ta’ kemm huma effettivi. 

Is-sistema ta’ superviżjoni tal-maniġment hija bbażata fuq rieżamijiet tal-prestazzjoni trimestrali (fil-livell tad-dipartiment) u rieżamijiet tal-effettività (fil-livell tal-maniġment superjuri), segwiti minn briefings f’kaskata. 

L-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni huma stabbiliti biex ikejlu l-prestazzjoni tal-proċessi taċ-Ċentru fir-rigward tal-kwalità tat-traduzzjoni u l-livelli ta’ servizzi.